Merħba fis-sit elektroniku tal-Kalkara Regatta Klabb


Il- Kalkara daħlet uffiċċjalment fir- Regatta fl-1957 għalkemm ħadet sehem f’xi korsi bejn l-1951 u l-1956. Il-Kalkara għandha storja glorjuża fir-regatta għax ghalkemm rebħet għal diversi drabi l-‘Aggregate Shield’, ħarrġet bosta qaddiefa li wara li stabilixxew ruħhom mal- Kalkara kisbu wkoll suċċessi ma’ distretti oħrajn. B’kollox il-Kalkara rebħet is-Shield għal seba’ darbiet fl-1959, 1960, 1963, 1964, 1965, 1969 u fl-1971 u kienet vicin li tirbaħha ħafna drabi ohra. Punt importanti li wiehed irid isemmi huwa li l-Kalkara irreġistrat vittorja kbira fuq id-distretti l-oħra fis-sena 1969; f’din it-tiġrija, l-Kalkara mhux biss rebħet erba’ paljijiet ta’ l-ewwel minn ħamsa, izda l-qaddiefa waqqfu erba’ rekords ġodda li għadhom mhux miksura sal- ġurnata tal-llum. Dawn kienu fil- korsa tal-frejgatini, ta’ bi tnejn, kajjik u ta’ b’erbgħa. Ta’ min isemmi li r-rekord ta’ bi tnejn reġa’ ġie miksur fis-sena 2011 minn Roderick Briffa u Noel Bugeja. Fil- preżent il- klabb jipposedi numru sostanzjali ta’ qaddiefa żagħżagħ stabbiliti u oħrajn promettenti ħafna u issa anki bdew iġibu riżultati tajba. Fit- tellieqa dik ta’ Marzu 2008 il- Kalkara rebħet zewg paljijiet ta l- ewwel, wieħed tat- tieni u ieħor tat- tielet fil- kategorija ‘B’. Iżda r-rebħa tal-1969 kienet repetuta fis-sena 2010 f’din il-kategorija, meta l-Kalkara rreġistrat ħames paljijiet tal- ewwel minn daqstant tiġrijiet! Fil-preżent il-Klabb tal-Kalkara investa f’sett opri ġodda wkoll, fosthom Dgħajsa tal-Pass, Frejgatina, Kajjik u dgħajsa tal-Midalji u l-ħsieb tagħna hu li nkomplu ninvestu fit-tfal (il-qaddiefa t’għada). F'Marzu 2015, il-Kalkara rebħet is-Shield ta’ Kategorija B u rebħet palju f' ħames tiġrijiet. 


Prezentament, it-klabb qiegħed jaħdem biex ikompli jiġġedded u jissaħħah, waqt li jkompli jgħaqqad flimkien lil dawk kollha li għandom għall-qalbhom l-isport tal-qdif fuq il-baħar u jgib ‘il-quddiem u jħares l-interessi tal-qaddiefa u l-membri affiljati miegħhu. Jekk tixtieq tingħaqad magħna jew tixtieq aktar informazzjoni, ikkuntatjana jew kellem li xi membru tal-kumitat.